PR211830: Jitlesta l-kumpless Rużar Briffa f’San Vinċenz de Paul

​B’investiment ta’ aktar minn €6 miljun fl-ewwel fażi u aktar minn €9 miljun fuq it-tieni fażi, il-kumpless Rużar Briffa f’San Vinċenz de Paul huwa lest. Dan huwa proġett ieħor fis-sensiela ta’ proġetti f’San Vinċenz li permezz tiegħu mhux biss qed tissaħħaħ l-infrastruttura eżistenti, iżda se jkun qed jogħla l-livell ta’ servizzi offruti lill-anzjani.

Waqt l-inawgurazzjoni tal-proġett, il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal li matul is-snin il-gvern wera impenn kbir fis-settur tal-anzjani. “Kellna l-opportunità mhux biss li mmexxu ‘l quddiem is-settur tal-anzjani, imma wkoll li ndaħħlu riformi, fosthom tal-pensjonijiet fejn rajna l-anzjani jgawdu minn numru ta’ benefiċċji. Dan bir-riżultat li rajna tnaqqis fil-persuni anzjani li jgħixu fir-riskju ta’ faqar”, qal il-ministru.
 
“Barra minn hekk, waħda mill-ambizzjonijiet li kellna fl-2014 kienet li nkomplu ntejbu l-faċilità San Vinċenz De Paul li qabel l-2014 kienet binja b’nuqqas ta’ viżjoni, nuqqas ta’ investimenti, nuqqas ta’ servizzi u nuqqas ta’ ħaddiema”, kompla l-ministru. 
 
Fil-kumpless Rużar Briffa sar xogħol fuq l-istrutturi eżistenti, estensjonijiet, restawr tal-faċċati u xogħlijiet ċivili oħrajn biex ġie rrispettat il-valur storiku tal-bini. Illum, din il-binja ngħatat ħajja mill-ġdid permezz ta’ teknoloġija mill-aqwa u servizzi li se jkunu qed jaqdu kemm lir-residenti f’San Vinċenz u anke dawk li jgħixu fil-komunità. Barra minn hekk, il-professjonisti se jkollhom ċentru minn fejn se jagħmlu r-riċerka tagħhom.
 
Il-Ministru Michael Farrugia fakkar li l-baġit allokat għal San Vinċenz żdied minn €30 miljun għal €100 miljun. Huwa spjega li n-nefqa f’dawk li huma proġetti infrastrutturali ammontat għal kważi €60 miljun, filwaqt li l-ħaddiema żdiedu minn 1,000 fl-2013 għal 2,200.
 
“L-investimenti huma kolha mmirati biex intejbu l-kwalità ta’ kura fis-settur tal-anzjani, b’mod speċjali f’San Vinċenz de Paul, fejn jiġu kkurati l-aktar anzjani vulnerabbli tas-soċjetà u l-aktar li għandhom bżonn kura speċjalizzata. Il-viżjoni li jmiss hija li naqsmu l-esperjenzi, il-ħiliet u l-investiment li sar bl-iskop li dawn isibu servizzi ta’ kura minn hawn stess ħalli jibqgħu jgħixu kemm jista’ jkun fil-komunita”, kompla l-ministru.
 
Fil-ġranet li għaddew f’San Vinċenz de Paul ġie inawgurat l-ewwel X-Ray diġitali u fil-ġimgħat li ġejjin se toħroġ sejħa għall-offeri għal CT Scan. Barra minn hekk, sal-aħħar tas-sena se jkunu inawgurati Day Hospital u Outpatient Department fl-istess faċilità u se jkun hemm ukoll Hydrotherapy Unit u Occupational Therapy Unit, fost diversi servizzi oħrajn.