PR211639: Social workers biex tissaħħaħ l-indipendenza u d-dinjità tal-anzjani (maltese version only)

Ġie ffirmat ftehim bejn l-FSWS (Foundation for Social Welfare Services) u l-AACC (Active Ageing and Community Care) li permezz tiegħu social workers u social welfare professionals se jkunu jistgħu jaħdmu fi ħdan is-Social Work Unit tal-AACC. Dan bl-għan li s-Social Work Unit tkompli ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani li jgħixu fil-komunità, filwaqt li tippromwovi l-indipendenza, l-awtonomija u d-dinjità tagħhom.

Is-social workers mill-AACC jaħdmu mill-qrib mal-isptarijiet, mal-pulizija, gruppi reliġjużi, kunsilli lokali u ma’ professjonisti oħra fi ħdan l-FSWS. Bħala medja, is-Social Work Unit tittratta madwar 150 riferiment fix-xahar. Fl-2020, is-Social Work Unit irċeviet 1,587 każ, filwaqt li sal-aħħar ta’ Lulju ta’ din is-sena, irċeviet 1,042 każ.

Fi tmiem l-iffirmar tal-ftehim, il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal li s-social workers jimmotivaw u joffru kuraġġ lill-anzjani biex jiffaċċjaw problemi soċjali tagħhom filwaqt li jkomplu jgħixu ħajja attiva u indipendenti.

Il-Ministru Michael Farrugia żied jgħid li s-social workers jgħinu wkoll lill-anzjani li jkunu qed jesperjenzaw sfidi soċjali waqt li jkunu qed jgħixu f’residenza għal kura fit-tul.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għas-Solidarjetà, l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal illi dan huwa eżempju ħaj ta’ kif dan il-gvern jaħdem id f’id għall-ġid ta’ min ikun fil-bżonn. Il-Ministru Falzon saħaq fuq l-importanza tal-kura ħolistika li tingħata lill-anzjani anke permezz tas-servizzi offruti mis-social workers.

Il-Ministru Falzon qal illi l-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali tibqa’ kommessa li tagħti l-aħjar servizzi lill-familji, tfal, anzjani u dawk kollha li jkollhom bżonn ta’ servizz soċjali.

Il-ftehim kien iffirmat mill-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva Renzo Degabriele u d-Deputat Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali Charles Scerri.