PR211477: L-Awtorità Standards Ħarsien Soċjali b’rekord ta’ spezzjonijiet fuq servizzi ta’ kura għall-anzjani
Is-sena li għaddiet kienet sena ta’ ksur ta’ rekords f’terminu ta’ żjarat li saru lill-anzjani, li l-maġġoranza tagħhom kienu marbutin mas-servizzi ta’ kura li jirċievu. Dan ħareġ mir-rapport annwali 2020 tal-Awtorità Standards Ħarsien Soċjali, fejn intqal li bejn Jannar u Diċembru, l-Uffiċċju tal-Ispettorat għamel total ta’ 2,904 żjara.
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal li s-sena li għaddiet uriet il-versatilità li kibret fiha l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali (SCSA) sa mill-bidu tagħha. Dan għaliex minbarra l-ħidma normali tagħha, sa minn Mejju 2020, l-awtorità ħadet rwol ieħor ta’ swabbing hub sabiex issostni gruppi vulnerabbli differenti waqt il-pandemija.
Meta kien ippreżentat bir-rapport ta’ ħidma għas-sena 2020 mill-awtorità, il-Ministru Farrugia qal li sal-aħħar tal-2020, tqassmu total ta’ 55,000 swabs lil servizzi ta’ ħarsien soċjali differenti. Bħala parti minn dan il-proċess, il-ħaddiema membri tal-awtorità kienu mqassma sabiex jikkonfermaw ir-riżultati u jagħmlu l-contact tracing neċessarju, fost xogħol ieħor.
Sal-aħħar tal-2020, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali ħadet ukoll l-irwol ċentrali fil-programm ta’ vaċċinazzjoni għal persuni vulnerabbli, fejn bdiet bir-residenti u bil-ħaddiema fi ħdan id-djar residenzjali għall-anzjani.
Il-Ministru Farrugia rringrazzja lill-ħaddiema tal-flessibilità li wrew sabiex jassiguraw li l-anzjani kollha fid-djar ta’ kura jkunu minn tal-ewwel li jirċievu l-vaċċin kontra l-COVID-19. “Bil-ħila ta’ din il-ħidma ngħataw 14,957 tilqima biex jitlaqqmu l-anzjani u l-carers,” qal il-ministru.
Il-Kap Ezekuttiv tal-Awtorità Dr Angele Ellul Fenech sostniet li ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tal-pandemija tal-COVID-19 wasslu lill-awtorità biex mhux biss iżżid l-attivitajiet tagħha, partikolarment b’rabta maż-żjarat neċessarji ta’ spezzjoni u monitoraġġ, iżda anke biex tikkollabora f’diversi inizjattivi mill-partijiet interessati biex tippjana u timplimenta l-protokolli neċessarji għas-setturi differenti ta’ ħarsien soċjali b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika.
Fir-rapport annwali ntqal li fl-2020, l-Uffiċċju tal-Liċenzjar kompla jinvestiga u jipproċessa applikazzjonijiet ta’ liċenzji ġodda li rċieva matul is-sena 2020. Barra minn hekk, wara l-pubblikazzjoni tal-Avviż Legali 153 tal-2020, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali stabbilixxiet l-Uffiċċju tal-Infurzar. L-Uffiċċju tal-Infurzar kien strumentali fl-implimentazzjoni ta’ total ta’ 203 żjara fis-servizzi ta’ ħarsien soċjali kollha fil-mandat tal-awtorità kif ukoll ta’ 151 żjara li saru b’mod konġunt mal-Uffiċċju tal-Ispettorat, partikolarment b’rabta mal-prevenzjoni u mal-kontroll tal-infezzjonijiet.