PR211067: Aktar xogħlijiet infrastrutturali u spazji pubbliċi f’San Vincenz de Paul (maltese version only)

Bħala parti mill-kampanja Gvern għan-Nies, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u l-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia żaru t-toroq madwar il-Faċilità San Vinċenz de Paul, fejn twettqu bosta xogħlijiet infrastrutturali li jinsabu fl-aħħar fażijiet tagħhom, kif ukoll spazji pubbliċi fejn huwa ppjanat li jiġu rranġati biex ikomplu jsebbħu l-ambjent tal-madwar.

Permezz tal-investiment massiċċ li sar matul dawn l-aħħar sitt snin, illum il-Faċilità San Vincenz de Paul qed tesperjenza bidla fil-kultura, fejn illum m’għadhiex biss binja li toffri kura medika iżda post fejn l-anzjani jqattgħu l-kumplament ta’ ħajjithom f’komunità mal-ħaddiema li saru t-tieni familja tagħhom.

Il-Ministru Ian Borg qal li “l-impenn tagħna jibqa’ wieħed fejn naraw li kull wieħed jew waħda minna, mill-iżgħar sal-akbar, tingħatalhom l-aqwa kwalità tal-ħajja possibbli. Permezz ta’ dan l-investiment li huwa stmat li se jammonta għal madwar €1.6 miljun qed inkomplu ninvestu f’livell tal-għajxien aħjar għall-anzjani tagħna. Rajna wkoll li sabiex noħolqu l-inqas inkonvenjent possibbli, ix-xogħol kien jirrikjedi li jiġi ppjanat b’mod li jsir f’diversi fażijiet. Fil-fatt, ix-xogħlijiet f’San Vincenz minn Infrastructure Malta ilhom għaddejjin għal din l-aħħar sena. Ninsabu kommessi li nkomplu ninvestu fl-anzjani tagħna, li nkomplu ninvestu sabiex l-infrastruttura ta’ pajjiżna tilħaq il-livell mixtieq u mistenni mill-poplu kollu.”

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia fakkar kif grazzi għall-investiment li sar dan l-aħħar, iżjed minn 17-il sala li kienu fi stat dilapidat u ma kinux jirriflettu l-istandards tal-lum, ġew irranġati, kif ukoll saru 16-il sala ġdida.

Huwa qal li apparti l-attivitajiet li jiġu organizzati matul is-sena fis-swali, San Vinċenz huwa magħruf kemm jorganizza attivitajiet fi spazji pubbliċi. “Kien għalhekk li din is-sena ffokajna wkoll l-attenzjoni tagħna fuq l-upgrades tal-ispazji pubbliċi. Żidna l-ispazji għall-parkeġġ li jinkludu 9,500 metru kwadru ta’ spazji li ġew upgraded. Dan ifisser li żidna bi 363 spazju biex jirriflettu ż-żieda fin-numru ta’ residenti, ħaddiema u viżitaturi.”

Il-Ministru qal li minbarra l-kostruzzjoni ta’ faċilitajiet ġodda bħal open air paddock, bħalissa qed jinżergħu siġar u qed tiżdied il-veġetazzjoni. “Irridu nagħmlu minn San Vinċenz post iżjed favur l-ambjent u iżjed family-friendly biex inkomplu ninkoraġixxu iżjed attivitajiet bejn ir-residenti u l-qraba tagħhom.” Huwa ħabbar li aktar tisbiħ ta’ spazji u ġonna pubbliċi se jkunu qed isiru fit-tieni fażi tal-Kumpless Rużar Briffa u fil-bitħa li tinsab fin-naħa tal-Lvant.

Ix-xogħlijiet ma’ Infrastructure Malta li tlestew u ġew inawgurati jinkludu l-livellar u l-asfaltar tal-parkeġġ li kien jirrikjedi attenzjoni partikolari għall-qlib tal-ilma u asfaltar minn ħdejn il-blokka l-ġdida sal-grada prinċipali inkluż wiċċ ġdid lill-parkeġġ li hemm ukoll f’din iż-żona. Sar ukoll asfaltar tat-triq li twassal għall-kamra mortwarja u ngħata wkoll l-asfalt ħdejn il-blokka ‘Narċis’. Bħala parti mill-proġett saru wkoll diversi tiswijiet u fejn jidħlu servizzi taħt l-art, dawn inbidlu kif ukoll saru oħrajn ġodda. Sar ukoll madwar nofs kilometri bankini u 25 metru culverts tal-ilma.