Niffaċilitaw l-interazzjoni soċjali u nipprevjenu l-iżolament fost l-anzjani

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal li l-għan tal-gvern huwa li jkompli jaħdem biex jiffaċilita l-interazzjoni soċjali u jipprevjeni kemm jista’ jkun l-iżolament fost l-anzjani.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Gvern għan-Nies’ f’San Pawl il-Baħar, il-Ministru Michael Farrugia ħabbar li d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità għadu kif laħaq ftehim ma’ Willingness Hub, li hija kumpanija magħmula minn tim multidixxiplinarju ta’ professjonisti, biex jinbeda programm ta’ taħriġ dwar it-teknoloġija tal-informatika u s-saħħa mentali għall-anzjani.

Il-Ministru Michael Farrugia spjega li fil-ġimgħat li għaddew, diġà ttieħdu diversi inizjattivi f’dan il-qasam, fosthom l-estensjoni tal-wifi f’kull parti tad-djar tal-anzjani kollha, filwaqt li se jinbeda proġett simili f’parti minn San Vinċenz de Paul. Sostna li matul dan iż-żmien ta’ pandemija ħarġet aktar minn qatt qabel il-vulnerabbiltà tal-anzjani. Dan irriżulta f’sitwazzjonijiet fejn diversi anzjani bdew iħossuhom waħedhom u soċjalment iżolati.

Huwa żied jgħid li, “Il-midja soċjali, tgħin lin-nies jibqgħu f’kuntatt ma’ persuni oħrajn fil-komunità filwaqt li r-riċerka turi li l-anzjani huma anqas probabbli li jkunu litterati fit-teknoloġija tal-informatika għax ma kellhomx opportunitajiet aktar kmieni matul ħajjithom. Għalhekk, dan it-taħriġ għandu l-għan li jipprovdi għarfien dwar l-użu tat-teknoloġija tal-informatika lil persuni ta’ ‘l fuq minn 60 sena, b’enfasi speċjali fuq is-saħħa mentali u kif jieħdu ħsieb tagħhom infushom”.

Dan il-proġett se jkun imqassam fuq medda ta’ tliet snin u t-taħriġ se jkun ipprovdut kemm lil dawk l-anzjani li jgħixu fil-komunità u anke lil dawk li jgħixu fi djar residenzjali. Dan se jkun jista’ jibda ladarba jerġgħu jinfetħu ċ-ċentri ta’ matul il-jum għall-anzjani.

Il-Ministru Farrugia temm jgħid li dan il-gvern huwa gvern għan-nies, gvern li għandu saqajh mal-art li jagħraf il-bżonnijiet tan-nies, speċjalment tal-anzjani.​